Mar 142017
 

Mr. Michael Micallef at FITAL-istorja tal-FITA skond is-Sur Michael Micallef
— ħaddiem tal-MITA li jaħdem fi ħdan il-Fondazzjoni għall-Aċċessibilita’ Fl-Informatika (FITA)

Kien fil-bidu ta’ l-1998 li jiena kont ħriġt bl-idea li b’xi mod nipprovdu taħriġ għall-nies għomja u neqsin mid-dawl.  Illum ftit forsi jiftakru li l-ewwel sessjonijiet ta’ taħriġ kienu saru fil-bini tas-CRPD Santa Venera.  Ftit żmien wara akkwistajna uffiċċju fil-bini ta’ Gattard House, li oriġinarjament kien il-ħsieb li tintuża bħala wirja permanenti żgħirha ta’ l-informazzjoni u teknoloġija.

Għall bidu, kont immexxi waħdi dan is-servizz, sakemm eventwalment ġiet imwaqqfa l- Fondazzjoni għall-Aċċessibilita’ Fl-Informatika (FITA), bil-kollaborazzjoni bejn il-CRPD u l-MITA, Dik il-ħabta Chairman tas-CRPD kien is-Sur Joe Camilleri.  Minn żmien għall-żmien kien ikolli laqgħat mas-Sur Camilleri biex naraw kif jista’ jitjieb is-servizz.  Waħda mill-ewwel ħtiġijiet li jiena ħassejt li kien hemm bżonn kienet li l-FITA jkollha Kap Eżekuttiv li jista’ jmexxi l-fondazzjoni ‘l quddiem.

Minn din il-ħatra ‘l hemm, kien hemm impatt kbir għaliex, mhux biss is-servizzi tal-FITA komplew jitjiebu imma komplew jikbru. Infatti maż-żmien bdejna noħolqu servizzi ta’ kollaborazzjoni ma diversi aġenziji oħra fosthom l-MCAST, l-ETC, l-Education u entitajiet oħra.

Servizzi

Tul dawn is-snin fil-FITA żviluppajna diversi servizzi ġodda li qabel ma kienux jeżistu.  Dawn jinkludu l-evalwazzjoni tal-websites biex naraw il-livell ta’ aċċessibilita.  Ħloqna ukoll programm fejn min ried li jkollu il-website ċertifikata bħala aċċessibbli, stajna ngħinuh jagħmel dan bl-iktar mod faċli u bl-inqas spejjeż possibbli.

Servizz ieħor ta’ importanza li tagħti l-FITA, imma li sfortunatament ma tantx jidher huwa servizz ta’ support tekniku lill-dawk l-għomja li jkunu jridu xi assistenza biex jissettjaw xi ħaga fil-kompjuters tagħhom u forsi ma’ jkollhomx l-għarfien li jagħmlu dan waħedhom. Dan is-servizz ta’ support mhux biss intlaqa tajjeb ħafna, izda għadu fost l-aktar apprezzati.

Il-FITA kumplimentari mas-servizz li għadni kemm semmejt, għandna ukolll servizzi ta’ konsulenza mhux biss għall-persuni b’diżabilita imma wkoll għall-dawk li jħaddmu u li forsi jesperjenzaw xi diffikulta fuq ix-xogħol għax jinzerta li jkollhom xi ħaddiem li sfortunatament jispiċċa b’diżabilita u huma jkunu jixtiequ li mhux biss jibqgħu iħaddmuh magħhom lill-dak il-ħaddiem, imma jtejbulu il-livell tal-kontribut tiegħu fuq il-post tax-xogħol.

Taħriġ

Kienu numru sostanzjali ta’ studenti li bbenefikaw mit-taħriġ fl-informatika li tajthom.  Għandi pjacir ngħid li ħafna minnhom wara li spiċċaw mill-kors komplew itejbu il-ħiliet tagħhom b’mod individwali.

Illum għandi 53 sena.  Tajjeb ngħid li meta bdejt jiena fl-informatika l-affarijiet kienu ħafna iżjed iebsin, dan għaliex l-ewwelnett it-teknoloġija tal-kompjuters jitkellmu kienet għadha fil-bidu tagħha u l-irħas sistemi kienu dawk robotiċċi u barra minn hekk f’Malta ma’ kien għad m’hawn ħadd li kellu esperjenza ta’ kif sistemi ta’ kompjuters jitkellmu setgħu jintużaw, jiġu programmati, u iktar iktar xi kwalita ta’ xogħolijiet ġodda setgħu jinħolqu jekk wieħed  jitgħallem juża din it-teknoloġija.

Għandna diversi persuni għomja u neqsin mid-dawl li bis-saħħa tal-kompjuters jitkellmu, għandhom impjieg stabbli u produttiv. Biex insemmi ftit mid-diversita’ ta’ xogħolijiet li nħolqu, dawn jinkludu avukati, skrivani, xogħol ta’ riċerka, w xogħol ta’ konverżjoni ta’ dokumenti stampati għal dokumenti elettroniċi.

Teknoloġija

It-teknoloġija ta’ l-informatika ma fihiex limitu. Fil-futur nixtieq nara xogħlijiet ġodda bħal per eżempju ‘Stock Broking’. Nagħlaq billi ngħid li f’ħajti t-teknologija ta’ l-informatika kellhom impatt kbir, mhux biss għax għandi impjieg, imma ukoll għax permezz ta’ dan l-impieg għamilt differenza f’ħajjiet nies oħra.  Barra minn hekk, it-teknoloġija tagħtni lura parti sostanzjali mill-indipendenza, li kienet itteħditli meta jiena kont tlift id-dawl ta’ għajnejja fl-eta’ ta’ 23 sena.

Jekk tixtiequ titgħalmu aktar dwar kif il-FITA w kif ngħinu intrapriżi w persuni b’diżabilita’ biex titkattar l-aċċessibilita’ għal kulħadd, tistgħu issibuna fuq 25992343 jew info@fitamalta.eu

Inselmilkom.

 

Related Resources

15 Years of service, projects and innovation

Sorry, the comment form is closed at this time.